Interpretazzjoni 10/05/2022

Ninterpretaw għall-Ewropa

L-interpreti tal-konferenzi jinsabu fuq quddiem nett tal-multilingwiżmu, u jaħdmu biex jiżguraw li l-lingwa ma tostakolax il-parteċipazzjoni fil-laqgħat jew biex wieħed isegwi l-laqgħat. L-interpreti jifhmu dak li qed jingħad b’lingwa waħda u jagħtu l-messaġġ tal-kelliem kważi mill-ewwel b’lingwa oħra, filwaqt li jiżguraw li ċ-ċittadini tal-Ewropa jkunu jistgħu jiġu rappreżentati fi Brussell, il-Lussemburgu u Strasburgu mir-rappreżentanti eletti tagħhom u l-aħjar esperti. Meta jippermettu l-komunikazzjoni u jiffaċilitaw id-djalogu, l-interpreti jaġixxu bħala pont bejn il-kulturi u huma fil-qalba tal-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet. Is-servizzi tal-interpretazzjoni tal-Unjoni Ewropea huma l-ikbar impjegaturi tal-interpreti tal-konferenzi fid-dinja.

X’jagħmlu l-interpreti tal-konferenzi

L-interpreti tal-konferenzi jaħdmu bil-kelma mitkellma. Huma jgħinu lill-parteċipanti f’laqgħat, konferenzi u proċedimenti legali internazzjonali multilingwi biex jikkomunikaw ma’ xulxin, mhux billi jittraduċu kelma b’kelma, iżda billi jwasslu l-ideat tal-kelliem. Huma jżommu kunfidenzjalità sħiħa u newtralità fir-rigward ta’ dak li jisimgħu u jaraw.

L-interpreti tal-konferenzi jagħtu l-ħajja lill-politika tal-multilingwiżmu: għalhekk, huma għandhom rwol essenzjali biex jiggarantixxu l-aċċessibbiltà u t-trasparenza tal-UE.

L-aktar għodda ta’ ħidma importanti tagħhom hija l-lingwa nattiva tagħhom. Għarfien sod ta’ dik il-lingwa flimkien ma’ għarfien profond tal-lingwi ta’ ħidma l-oħra tagħhom, moħħ analitiku, ħiliet tajbin ta’ komunikazzjoni, reżiljenza u kurżità dwar id-dinja huma l-karatteristiċi ta’ interpretu professjonali.

Kif jaħdmu

Kuljum, huma jaħdmu prinċipalment bl-24 lingwa uffiċjali tal-UE, iżda kultant jipprovdu interpretazzjoni b’lingwi oħra wkoll. Il-biċċa l-kbira tal-interpreti tal-konferenzi jaħdmu minn lingwi barranin għal-lingwa nattiva tagħhom. Għalkemm huwa prerekwiżit li wieħed jifhem sew il-lingwi ta’ ħidma tagħhom, l-interpreti tal-konferenzi m’għandhomx għalfejn ikunu bilingwi.

Fl-istituzzjonijiet tal-UE, l-interpreti tal-konferenzi jaħdmu f’diversi modi ta’ interpretazzjoni:

  • Interpretazzjoni Konsekuttiva
    wara li l-kelliem ikun spiċċa, bl-għajnuna ta’ forma speċjali ta’ teħid ta’ noti.

  • Interpretazzjoni Simultanja
    f’ħin reali waqt li l-kelliem ikun qed jitkellem, bl-użu ta’ tagħmir għall-interpretazzjoni tal-konferenzi (jiġifieri kabini reżistenti għas-soundproof, earphones u mikrofonu). Dan il-mod huwa l-aktar użat.

    • Interpretazzjoni minn taħt l-ilsien jew Chuchotage
      L-interpretu jkun bilqiegħda jew bilwieqfa ħdejn il-klijent u fl-istess ħin jinterpreta direttament f’widintu.

    • Tagħmir tal-Interpretazzjoni Portabbli (PIE)
      L-interpretu jinterpreta simultanjament mingħajr ma jkun f’kabina, bl-għajnuna ta’ mikrofonu u headphones li jinżammu fl-idejn.

Kif taħdem magħna

Il-Parlament Ewropew, il-Kummissjoni Ewropea u l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandhom servizz tal-interpretazzjoni kull wieħed. Madankollu, l-istituzzjonijiet jagħżlu b’mod konġunt interpreti freelance, u l-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal (EPSO) jorganizza kompetizzjonijiet biex isir uffiċjal permanenti.

Biex taħdem mal-istituzzjonijiet Ewropej

  • bħala interpretu tal-konferenzi freelance: applika għal test ta’ akkreditazzjoni interistituzzjonali. Dawk li jirnexxu fit-test se jiżdiedu mal-bażi tad-data konġunta tal-UE ta’ interpreti freelance akkreditati.

    Ara: Aħdem bħala Interpretu Freelance mal-UE

  • bħala uffiċjal permanenti: il-kompetizzjonijiet għall-interpreti tal-konferenzi jiġu organizzati mill-EPSO.

    Ara: Profili tal-karrieri: lingwi

Skont l-istituzzjoni

Għad-dettalji kollha tat-tipi differenti ta’ impjiegi disponibbli, ara l-links għal kull istituzzjoni hawn taħt.