Avviż legali | Dwar EUROPA | Fittex | Kuntatt
Niċċelebraw l-Ewropa! - Il-50 Anniversarju tat-Trattat ta' Rumaqbiż tal-bar għall-għażla tal-lingwa (key għall-iqsar rotta=2) 01/02/2008
EUROPA > Il-50 anniversarju > Il-50 sena li jmiss

Il-50 sena li jmiss

L-irġiel u n-nisa li waqqfu l-Unjoni Ewropea fl-1957 kellhom viżjoni kbira. Iżda lanqas huma ma setgħu immaġinaw kif se tkun l-Ewropa - u d-dinja - 50 sena wara. Daqstant ieħor huwa diffiċli li ngħidu x'hemm maħżun għall-50 sena li jmiss. Però nafu x'inhuma wħud mill-isfidi l-kbar li rridu nħabbtu wiċċna magħhom.

Impjegati ta' etajiet differenti isegwu kors ta' taħriġ

Naffrontaw il-globalizzazzjoni

Ikun ir-rwol ta' l-UE li tgħin lill-Ewropej jiffjorixxu f'dinja globalizzata. Dan qabel xejn ifisser li niżguraw li jkun hemm l-impjiegi u t-tkabbir,  kif ukoll kompetittività ekonomika, filwaqt li ntejbu l-ħarsien soċjali. L-investiment ta' l-UE fit-teknoloġija avvanzata u r-riċerka xjentifika għandujkun fattur kruċjali sabiex jinkiseb dan. Kien hemm zmien meta l-globalizzazzjoni kienet titqies bħala mod kif il-pajjiżi sinjuri u fqar jibbenefikaw mill-integrazzjoni ekonomika u finanzjarja dinija. Issa qed naraw li, minflok, qed twassal biex ikun hemm kemm rebbieħa kif ukoll telliefa. Il-pressjonijiet ta' l-immigrazzjoni fuq l-UE se jiġu minn kull naħa. Peress li m'hemmx fruntieri interni, hemm bżonn ta' regoli komuni għall-fruntieri externi. Mal-milja taż-żmien, l-UE jkollha tadatta l-politika ta' l-immigrazzjoni tagħha biex tikkonsidra li l-popolazzjoni qed tixjiħ u li 'l ġewwa mill-fruntieri tagħha hemm iċ-ċans li jfeġġ nuqqas ta' ħaddiema.

Impjant tat-turbini tar-riħ, art xotta, ilma ġieri

It-tisħin globali

Waqt li madwar id-dinja qed jgħolew it-temperaturi, it-tisħin globali, assoċjat ma' l-emmissjonijiet tal-gassijiet serra, huwa meqjus bħala theddida ambjentali enormi mill-gverijiet u ċ-ċittadini ta' l-UE. L-UE ippromoviet bis-sħiħ azzjoni korrettiva internazzjonali. Qed taġixxi internament biex tnaqqas l-emmissjonijiet tal-gassijiet serra sa l-2012 skond l-obbligi li impenjat ruħha bihom skond il-protokoll ta' Kyoto. Hija impenjata għal tnaqqis akbar wara dik id-data fi sforz koordinat globalment. Parti mis-soluzzjoni hi li fl-UE jkun hemm użu aktar effiċjenti ta' l-enerġija kif ukoll aktar produzzjoni minn sorsi rinnovabbli li ma tantx iniġġsu. L-UE teħtieġ ukoll iġġib aktar provvisti ta' enerġija nadifa minn sorsi barranin ta' min jorbot fuqhom peress li r-riservi taż-żejt u l-gass tagħha qed jinħlew. Biex tlaħħaq ma' dawn l-isfidi, l-UE tippromwovi teknoloġiji rinnovabbli bħal dawk li jaħdmu bix-xemx, bir-riħ u bil-biomassa biex jissodisfaw porzjon dejjem jikber mill-ħtiġijiet ta' l-enerġija. Hi timmira li tiffranka 20 fil-mija mill-konsum ta' l-enerġija sa l-2020 billi tużaha b'mod aktar effiċjenti. Biex tiżgura provvisti futuri minn barra, speċjalment ta' gass, l-Unjoni qed tfittex relazzjonijiet ta' provvisti stabbli fit-tul ma' pajjiżi bħar-Russja, li huma sinjuri fl-enerġija.

Għajnuna umanitarja: tfajjel imgeżwer f'bandiera Ewropea

L-Ewropa fid-dinja

Kemm tista' tespandi aktar l-UE?Xi ċittadini Ewropej huma mħassba dwar aktar tkabbir fil-ġejjieni. L-UE se jkollha tiddefenixxi l-limiti tagħha u għandha tagħmel dan bl-involviment sħiħ u l-kunsens taċ-ċittadini tagħha. Akbar ma tkun l-Unjoni, akbar ikunu r-responsabbiltajiet tagħha. Gwerra bejn pajjiżi ta' l-UE illum hija xi ħaġa li lanqas biss nimmaġinaw li tista' sseħħ, grazzi għall-għaqda li nbniet bejn dawn il-pajjiżi matul l-aħħar 50 sena. F'dinja kumplessa u xejn stabbli li dejjem tinbidel, l-UE għad tiġi mitluba xxerred il-paċi u l-istabbilità lill-hinn mill-fruntieri tagħha. Biex twettaq dan, tkun aktar involuta fil-prevenzjoni tal-kunflitti u ż-żamma tal-paċi;teżerċita l-influwenza tagħha biex tistabbilixxi regoli aħjar u aktar ġusti fejn jidħol in-negozju dinji;u , fejn ikun neċessarju, tkompli tagħti sehemha fl-assistenza umanitarja u l-għajnuna għall-iżvilupp.

Demostrazzjoni għall-vot għall-Parlament Ewropew fi Strasbourg fl-1971

Tħeġġiġ tad-demokrazija u l-parteċipazzjoni

Biex tirbaħ l-isfidi tal-50 sena li jmiss, l-Unjoni Ewropea għandha bżonn strumenti legali u maniġerjali aħjar. Dawn għadhom m'humiex disponibbli. L-ewwel attentat biex jipprovdihom weħel meta l-votanti fi Franza u l-Olanda rrifjutaw abbozz tal-kostituzzjoni ta' l-UE fl-2005. Il-mexxejja ta' l-UE għarfu li parti mir-raġuni għaliex falliet il-votazzjoni hija li ċ-ċittadin ta' l-UE iħoss li mhuwiex informat tajjeb dwar l-Ewropa u jħossu eskluż mit-teħid tad-deċiżjonijiet. B'rispons għal dan, inbdew bosta inizjattivi sabiex ikun hemm rabta mill-ġdid maċ-ċittadin u biex dan jingħata leħen aktar qawwi fi kwistjonijiet ta' politika li għadhom ġejjin, inklużi r-riformi istituzzjonali li se jkunu meħtieġa fis-snin li ġejjin biex jiżguraw il-funzjonament effiċjenti ta' l-UE fis-seklu 21.

Avviż legali | Dwar EUROPA | Fittex | Kuntatt | It-tarf ta’ fuq tal-paġna